Index   Back Top Print

[ AR  - DE  - EN  - ES  - FR  - HR  - IT  - LA  - MT  - PL  - PT  - SK  - SL  - UK  - ZH_CN  - ZH_TW ]

SPES NON CONFUNDIT

Bolla tal-indizzjoni
tal-Ġublew Ordinarju
tas-Sena 2025

FRANĠISKU

ISQOF TA’ RUMA
QADDEJ TAL-QADDEJJA TA’ ALLA
LIL DAWK KOLLHA LI JAQRAW DIN L-ITTRA
ĦALLI T-TAMA TIMLIELHOM QALBHOM

[Multimedia]

___________________________________

1. “Spes non confundit”, “it-tama ma tqarraqx” (Rum 5:5). F’isem it-tama l-Appostlu Pawlu jimla bil-kuraġġ lill-komunità Nisranija ta’ Ruma. It-tama hi wkoll il-messaġġ ewlieni tal-Ġublew li jmiss, li skont tradizzjoni antika l-Papa jsejjaħ kull ħamsa u għoxrin sena. Jiġuni f’moħħi l-pellegrini tat-tama kollha li se jiġu Ruma biex jgħixu s-Sena Mqaddsa u dawk li, għalkemm ma jistgħux jiġu fil-belt tal-Appostli Pietru u Pawlu, se jiċċelebrawh fil-Knejjes partikulari. Għal kulħadd, ħa jkun dan mument ta’ laqgħa ħajja u personali mal-Mulej Ġesù, “bieb” tas-salvazzjoni (ara Ġw 10:7,9); miegħu, li l-Knisja għandha l-missjoni li xxandar dejjem, kullimkien u lil kulħadd bħala t-“tama tagħna” (1 Tim 1:1).

Kulħadd jittama. Fil-qalb ta’ kull persuna hemm it-tama bħala xewqa u stennija ta’ ġid, imqar jekk ma nafux għada x’se jġib miegħu. Minkejja dan, l-imprevedibbiltà tal-futur tqanqal sentimenti xi drabi kontra xulxin: mill-fiduċja għall-biża’, mis-serenità għall-iskumdità, miċ-ċertezza għad-dubju. Ta’ spiss niltaqgħu ma’ persuni qalbhom maqtugħa, li jħarsu lejn il-ġejjieni b’xettiċiżmu u pessimiżmu, bħallikieku xejn ma jista’ joffrilhom il-ferħ. Jalla l-Ġublew ikun għal kulħadd okkażjoni li terġa’ tqanqal fina t-tama. Il-Kelma ta’ Alla tgħinna nsibu r-raġuni għal dan. Inħallu jmexxina dak li l-Appostlu Pawlu jikteb sewwasew lill-Insara ta’ Ruma.

Kelma ta’ tama

2. “Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. […] U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:1-2,5). Huma bosta l-ispunti ta’ riflessjoni li qed jipproponi hawn San Pawl. Nafu li l-Ittra lir-Rumani timmarka passaġġ deċiżiv fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni tiegħu. Sa dak il-mument hu wettaqha fir-reġjun tal-lvant tal-Imperu, u issa hemm tistennieh Ruma, b’dak kollu li din tirrappreżenta f’għajnejn id-dinja: sfida kbira, li hu jaffrontaha f’isem it-tħabbira tal-Vanġelu, li ma tafx b’ħitan u lanqas konfini. Il-Knisja ta’ Ruma ma ġietx imwaqqfa minn Pawlu, u hu jħoss ix-xewqa ħajja li ma jdumx ma jmur hemm, biex iwassal lil kulħadd il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, li miet u rxoxta, bħala bxara tat-tama li twettaq il-wegħdiet, iddaħħal għall-glorja u, imsejsa fuq l-imħabba, ma tqarraqx.

3. Fil-fatt, it-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tgelgel mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib: “Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu?” (Rum 5:10). U l-ħajja tiegħu tidher fil-ħajja tal-fidi tagħna, li tibda bil-Magħmudija, tikber fid-doċilità għall-grazzja ta’ Alla, u għalhekk hi animata mit-tama, dejjem imġedda u msaħħa mill-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu b’mod li ma tiġġarrafx.

Fil-fatt huwa l-Ispirtu s-Santu, u l-preżenza dejjiema tiegħu fil-mixja tal-Knisja, li jsawwab fuq dawk li jemmnu d-dawl tat-tama: hu jżommha mkebbsa bħal musbieħ li qatt ma jintefa, biex twieżen u tħeġġeġ lill-ħajja tagħna. Fil-verità, it-tama Nisranija ma tilludix u ma tiddeludix, għax hi mibnija fuq iċ-ċertezza li xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? […] Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:35,37-39). Għalhekk li din it-tama ma ċċedix fid-diffikultajiet: hi tinbena fuq il-fidi u titmantna bl-imħabba, u hekk tagħtina li nibqgħu nħarsu ’l quddiem fil-ħajja. Santu Wistin jikteb hekk dwarha: “F’kull xorta ta’ ħajja, ma nistgħux ngħixu mingħajr dawn it-tliet xejriet tal-qalb: nemmnu, nittamaw, inħobbu”.[1]

4. San Pawl hu realista ħafna. Jaf li l-ħajja hi magħmula minn ferħ u minn niket, li l-imħabba tiġi mġarrba meta joktru d-diffikultajiet u t-tama tidher qed tiġġarraf quddiem it-tbatija. Imma xorta waħda jikteb: “Niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama” (Rum 5:3-4). Għall-Appostlu, it-tiġrib u t-tbatija huma l-kundizzjonijiet tipiċi ta’ dawk li jħabbru l-Vanġelu f’kuntesti ta’ inkomprensjoni u ta’ persekuzzjoni (ara 2 Kor 6:3-10). Imma f’sitwazzjonijiet bħal dawn, qalb id-dlam jintlemaħ dawl: niskopru kif l-evanġelizzazzjoni hi mwieżna mill-qawwa li toħroġ mis-salib u mill-qawmien ta’ Kristu. U dan iwassal biex tiżviluppa virtù strettament miżżewġa mat-tama: is-sabar. Issa drajna rridu kollox u malajr, f’dinja fejn l-għaġla saret karatteristika kostanti. Ma għadniex insibu ż-żmien biex niltaqgħu ma’ xulxin u spiss anki fil-familji sar diffiċli nqattgħu l-ħin flimkien u nitkellmu bil-kalma. Is-sabar ġie mħarrab ’l hemm mill-għaġla, u dan hu ta’ ħsara kbira għall-persuni. Fil-fatt, minħabba f’hekk jidħlu l-intolleranza, in-nervożiżmu, xi drabi l-vjolenza għal xejn b’xejn, li jiġġeneraw nuqqas ta’ kuntentizza u għeluq.

Barra minn hekk, fl-epoka tal-internet, fejn l-ispazju u ż-żmien ġew okkupati mill-“hawn u issa”, is-sabar mhuwiex milqugħ. Kieku għad fadlilna l-ħila nħarsu bi stagħġib lejn il-ħolqien, konna nifhmu kemm hu deċiżiv is-sabar. Nistennew l-istaġuni jibdlu wieħed lill-ieħor bil-frott tagħhom; nosservaw il-ħajja tal-annimali u ċ-ċikli tal-iżvilupp tagħhom; ikollna l-għajnejn sempliċi ta’ San Franġisk li fl-Għanja tal-ħlejjaq tiegħu, miktuba proprju 800 sena ilu, fehem il-ħolqien bħala familja kbira, u lix-xemx u l-qamar sejħilhom “oħti” u “ħija”.[2] Li nerġgħu niskopru s-sabar jista’ jiswa ta’ ġid kbir għalina u għall-oħrajn. San Pawl spiss jirrikorri għas-sabar biex jisħaq fuq l-importanza tal-perseveranza u tal-fiduċja f’dak li ġie mwiegħed lilna minn Alla, imma qabelxejn hu jagħti xhieda li Alla jistabar magħna, hu “li minnu ġej kull sabar u faraġ” (Rum 15:5). Is-sabar, li hu wkoll huwa frott tal-Ispirtu s-Santu, iżomm ħajja t-tama u jseddaqha bħala virtù u stil ta’ ħajja. Għalhekk, nitgħallmu nitolbu spiss il-grazzja tas-sabar, li hi bint it-tama u fl-istess waqt tweżinha.

Mixja ta’ tama

5. Minn din in-nisġa bejn tama u sabar jidher ċar kif il-ħajja Nisranija hija mixja, li teħtieġ ukoll ta’ mumenti qawwija biex inkabbru u nsaħħu t-tama, sieħba insostitwibbli li tagħtina ħjiel tad-destinazzjoni: il-laqgħa mal-Mulej Ġesù. Nieħu pjaċir naħseb li fl-1300, qabel tħabbar l-ewwel Ġublew, kien hemm mixja ta’ grazzja, animata mill-ispiritwalità popolari. Fil-fatt ma nistgħux ninsew il-bosta xejriet li permezz tagħhom il-grazzja tal-maħfra ssawbet bil-kotra fuq il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Niftakru, ngħidu aħna, fil-“maħfra” l-kbira li San Ċelestinu V ried jagħti lil dawk kollha li jżuru l-Bażilika ta’ Santa Maria di Collemaggio, f’L’Aquila, fil-jiem tat-28 u d-29 ta’ Awwissu 1294, sitt snin qabel il-Papa Bonifaċju VIII waqqaf is-Sena Mqaddsa. Il-Knisja, għalhekk, diġà kienet qed idduq mill-grazzja ġubilari tal-ħniena. U diġà qabel dan, fl-1216, il-Papa Onorju III kien laqa’ t-talba ta’ San Franġisk għall-indulġenza lil dawk kollha li jżuru l-Porzjunkola fl-ewwel jumejn ta’ Awwissu. L-istess nistgħu ngħidu għall-pellegrinaġġ ta’ Santiago di Compostela: fil-fatt il-Papa Kallistu II, fl-1122, ta li jiġi ċċelebrat il-Ġublew f’dak is-Santwarju kull darba li l-festa tal-Appostlu Ġakbu taħbat il-Ħadd. Huwa tajjeb li din il-modalità “mxerrda” ta’ ċelebrazzjonijiet ġubilari tissokta, biex hekk il-qawwa tal-maħfra ta’ Alla twieżen u ssieħeb il-mixja tal-komunitajiet u tal-persuni.

Mhux ta’ b’xejn li l-pellegrinaġġ jesprimi element fundamentali ta’ kull ġrajja ġubilari. Il-mixi hu tipiku ta’ min qed ifittex x’inhi t-tifsira tal-ħajja. Il-pellegrinaġġ bil-mixi jiffavorixxi ħafna l-kixfa mill-ġdid tal-valur tas-skiet, tat-taħbit, ta’ dak li hu essenzjali. Anki fis-sena li ġejja l-pellegrini tat-tama mhux sa jibqgħu lura milli jimxu toroq qodma u moderni biex jgħixu intensament l-esperjenza ġubilari. Barra minn hekk, fl-istess belt ta’ Ruma se jkun hemm mixjiet ta’ fidi, flimkien ma’ dawk tradizzjonali tal-katakombi u tas-Seba’ Knejjes. Il-qsim minn pajjiż għall-ieħor, bħallikieku l-konfini ġew megħluba, il-mogħdija minn belt għall-oħra fil-kontemplazzjoni tal-ħolqien u tal-opri tal-arti, jippermettu li ngħożżu bħal teżor esperjenzi u kulturi differenti, biex inġorru fina l-ġmiel li, f’armonija mat-talb, iwassalna biex irroddu ħajr lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu. Il-knejjes ġubilari, matul il-mixjiet u fil-Belt, jistgħu jkunu oasi ta’ spiritwalità fejn inġeddu l-mixja tal-fidi u nixorbu mill-għejun tat-tama, qabelxejn billi nersqu għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, punt insostitwibbli ta’ tluq għal mixja vera ta’ konverżjoni. Fil-Knejjes partikulari ta’ min jieħu ħsieb b’mod speċjali tal-preparazzjoni tas-saċerdoti u tal-fidili għall-Qrar u l-aċċessibbiltà għas-sagrament fil-forma individwali.

Għal dan il-pellegrinaġġ, stedina speċjali nixtieq nagħmilha lill-fidili tal-Knejjes Orjentali, b’mod partikulari lil dawk li diġà huma f’komunjoni sħiħa mas-Suċċessur ta’ Pietru. Huma, li tant batew, spiss sal-punt tal-mewt, minħabba l-fedeltà tagħhom għal Kristu u għall-Knisja, għandhom iħossuhom partikularment milqugħa f’din Ruma li hi Omm għalihom ukoll u li tħares tant tifkiriet tal-preżenza tagħhom. Il-Knisja Kattolika, li hi mogħnija mil-liturġiji antikissmi tagħhom, mit-teoloġija u mill-ispiritwalità tal-Padri, irħieb u teologi, trid tesprimi simbolikament l-akkoljenza lilhom u lil ħuthom Ortodossi, f’epoka li fiha diġà qed jgħixu l-pellegrinaġġ tal-Via Crucis, li minħabba fiha spiss ikollhom iħallu l-art tal-oriġni tagħhom, l-artijiet imqaddsa tagħhom, mnejn il-vjolenza u l-instabbiltà qed ikeċċuhom lejn pajjiżi iktar fiż-żgur. Għalihom it-tama li jiġu maħbuba mill-Knisja, li ma titlaqhomx għal riħhom, imma tmur warajhom kull fejn imorru, tagħmel iżjed qawwi s-sinjal tal-Ġublew.

6. Is-Sena Mqaddsa 2025 hija f’kontinwità mal-ġrajjiet preċedenti ta’ grazzja. Fl-aħħar Ġublew Ordinarju rfisna l-għatba tal-elfejn sena mit-twelid ta’ Ġesù Kristu. Wara dan, fit-13 ta’ Marzu 2015, sejjaħt Ġublew Straordinarju bl-għan li jurina u jippermettilna niltaqgħu mal-“Wiċċ tal-ħniena” ta’ Alla,[3] bxara ċentrali tal-Vanġelu għal kull bniedem f’kull żmien. Issa wasal iż-żmien għal Ġublew ġdid, li fiha niftħu beraħ mill-ġdid il-Bieb Imqaddes biex noffru l-esperjenza ħajja tal-imħabba ta’ Alla, li tqanqal fil-qalb it-tama ċerta tas-salvazzjoni fi Kristu. Fl-istess waqt, din is-Sena Mqaddsa se torjenta l-mixja lejn rikorrenza oħra fundamentali għall-Insara kollha: fil-fatt, fl-2033 niċċelebraw l-elfejn sena tal-Fidwa mwettqa permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej Ġesù. Għalhekk, ninsabu quddiem mixja mmarkata minn tappi kbar, li fihom il-grazzja ta’ Alla timxi qabel u ssieħeb lill-poplu li jimxi mħeġġeġ fil-fidi, ħabrieki fl-imħabba u perseveranti fit-tama (ara 1 Tess 1:3).

Imwieżen minn tradizzjoni hekk twila u miċ-ċertezza li din is-Sena Ġubilari tista’ tkun għall-Knisja kollha esperjenza qawwija ta’ grazzja u ta’ tama, nistabbilixxi li l-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan jinfetaħ fl-24 ta’ Diċembru ta’ din is-sena 2024, u hekk jingħata bidu għall-Ġublew Ordinarju. Il-Ħadd ta’ wara, 29 ta’ Diċembru 2024, se niftaħ il-Bieb Imqaddes tal-Katidral tiegħi ta’ San Ġwann Lateran, li fid-9 ta’ Novembru ta’ din is-sena jiċċelebra l-1700 sena mid-Dedikazzjoni. Wara, fl-1 ta’ Jannar 2025, Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla, jinfetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika papali ta’ Santa Maria Maggiore. Fl-aħħar nett, il-Ħadd 5 ta’ Jannar jinfetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika papali ta’ San Paolo fuori le Mura. Dawn l-aħħar tliet Bibien Imqaddsa jingħalqu qabel il-Ħadd 28 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Barra minn hekk, nistabbilixxi li fid-29 ta’ Diċembru 2024, fil-katidrali u l-konkatidrali kollha, l-Isqfijiet djoċesani jiċċelebraw l-Ewkaristija mqaddsa bħala ftuħ solenni tas-Sena Ġubilari, skont ir-Ritwal li se jiġi pprovdut minn qabel għall-okkażjoni. Għaċ-ċelebrazzjoni fil-knejjes konkatidrali, flok l-Isqof jista’ jkun hemm Delegat tiegħu maħtur apposta. Il-pellegrinaġġ minn knisja, magħżula għall-collectio, lejn il-katidral ikun sinjal tal-mixja ta’ tama li, imdawla mill-Kelma ta’ Alla, ixxierek flimkien lil dawk kollha li jemmnu. Tulu jinqraw xi siltiet minn dan id-Dokument u titħabbar lill-poplu l-Indulġenza Ġubilari, li tista’ tinkiseb skont il-preskrizzjonijiet fl-istess Ritwal għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew fil-Knejjes partikulari. Matul is-Sena Mqaddsa, li fil-Knejjes partikulari tagħlaq il-Ħadd 28 ta’ Diċembru 2025, għandha tingħata attenzjoni biex il-Poplu ta’ Alla jista’ jilqa’ b’sehem sħiħ kemm it-tħabbira tat-tama tal-grazzja ta’ Alla u kemm is-sinjali li jixhdu għall-effikaċja tagħha.

Il-Ġublew Ordinarju jintemm bl-għeluq tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika papali ta’ San Pietru fil-Vatikan fis-6 ta’ Jannar 2026, l-Epifanija tal-Mulej. Jalla d-dawl tat-tama Nisranija jilħaq lil kull persuna, bħala messaġġ tal-imħabba ta’ Alla għal kulħadd! U jalla l-Knisja tkun xhud fidil ta’ din it-tħabbira f’kull rokna tad-dinja!

Sinjali ta’ tama

7. Barra li niksbu t-tama fil-grazzja ta’ Alla, aħna msejħin niskopruha mill-ġdid anki fis-sinjali taż-żminijiet li l-Mulej joffrilna. Kif jistqarr il-Konċilju Vatikan II, “huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju, u hekk, b’manjiera addattata għal kull ġenerazzjoni, tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja ta’ issa u tal-ħajja li għad trid tiġi, u kif dawn għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin”.[4] Għalhekk, hemm bżonn inkunu għajnejna miftuħa għall-ħafna tajjeb preżenti fid-dinja biex ma naqgħux fit-tentazzjoni li naħsbu li aħna mirbuħin mill-ħażen u mill-vjolenza. Imma s-sinjali taż-żminijiet, li fihom hemm ix-xenqat tal-qalb tal-bniedem, li jeħtieġ il-preżenza salvifika ta’ Alla, iridu jiġu mibdula f’sinjali ta’ tama.

8. L-ewwel sinjal ta’ tama jittraduċi ruħu f’paċi għad-dinja, li għal darb’oħra sabet ruħha mgħaddsa fit-traġedja tal-gwerra. L-umanità nsiet it-traġedji tal-imgħoddi, u jkollha toqgħod għal prova ġdida u iebsa li qed tara tant popli mifnija mill-kefrija qalila tal-vjolenza. Minn xiex jonqoshom jgħaddu dawn il-popli li mhux diġà ġarrbuh? Kif inhu possibbli li l-karba ddisprata tagħhom għall-għajnuna ma tqanqalx lir-responsabbli tan-Nazzjonijiet biex itemmu darba għal dejjem il-wisq kunflitti reġjonali, fl-għarfien tal-konsegwenzi li jistgħu joħorġu minnhom fuq livell dinji? Huwa wisq li noħolmu li l-armi jispiċċaw u ma jibqgħux iġibu qerda u mewt? Il-Ġublew ifakkar li dawk kollha li “jġibu l-paċi, jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). L-esiġenza tal-paċi tisfida lil kulħadd u timponi fuqna li nfittxu proġetti konkreti. Ma għandux jonqos l-impenn tad-diplomazija biex nibnu bil-kuraġġ u l-kreattività spazji ta’ trattattivi li jwasslu għal paċi fit-tul.

9. Li nħarsu lejn il-futur bit-tama jfisser ukoll li jkollna viżjoni tal-ħajja mimlija entużjażmu biex ngħadduha lill-oħrajn. B’xorti ħażina, b’diqa f’qalbna qed naraw kif f’tant sitwazzjonijiet din il-perspettiva hi nieqsa. L-ewwel konsegwenza hi t-telfien tax-xewqa li ngħaddu l-ħajja lill-oħrajn. Minħabba r-ritmi frenetiċi tal-ħajja, il-biżgħat dwar il-futur, in-nuqqas ta’ garanziji ta’ xogħol u ħarsien soċjali adegwat, mudelli soċjali li fihom l-aġenda hi ddettata mit-tiftix tal-profitt flok mill-għożża tar-relazzjonijiet, qed naraw f’diversi pajjiżi tnaqqis fir-rata tat-twelid li jħassibna. Bil-maqlub, f’kuntesti oħra, “li nwaħħlu fiż-żieda demografika u mhux fil-konsumiżmu estrem u selettiv ta’ xi wħud, hu mod kif naħarbu milli naffrontaw il-problemi”.[5]

Il-ftuħ għall-ħajja b’maternità u paternità responsabbli huwa l-proġett li l-Ħallieq kiteb fil-qalb u fil-ġisem tal-irġiel u tan-nisa, missjoni li l-Mulej jafda f’idejn il-miżżewġin u l-imħabba ta’ bejniethom. Huwa urġenti li, barra l-impenn leġiżlattiv tal-Istati, ma tonqosx l-għajnuna konvinta tal-komunitajiet ta’ dawk li jemmnu u tal-komunitajiet ċivili kollha fil-komponenti kollha tagħhom, biex ix-xewqa taż-żgħażagħ li jnisslu wlied ġodda, bħala frott tal-imħabba għammiela ta’ bejniethom, tagħti futur lil kull soċjetà, u din hi kwistjoni ta’ tama: tiddependi mit-tama u ġġib it-tama.

Għalhekk il-komunità Nisranija ma tistax ma tkunx fuq quddiem biex twieżen il-bżonn ta’ patt soċjali għat-tama, li jkun inklużiv u mhux ideoloġiku, u jaħdem għal ġejjieni mmarkat mit-tbissima ta’ tant tfal li jiġu biex jimlew l-għadd li b’xorti ħażina żdied wisq ta’ bennieni vojta f’diversi rkejjen tad-dinja. Imma lkoll, fir-realtà, għandna bżonn nirkupraw il-ferħ tal-ħajja, għax il-bniedem, maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26), ma jistax jikkuntenta li sempliċiment jeżisti jew jgħaddiha, li jadatta ruħu għall-preżent u jissodisfa ruħu b’realtajiet materjali biss. Dan jagħlqu fl-individwaliżmu u jġarraf it-tama, iġib diqa li tbejjet fil-qalb, u timliena bil-qrusa u l-ostilità.

10. Fis-Sena Ġubilari se niġu msejħa biex inkunu sinjali tanġibbli ta’ tama għal tant ħutna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ibsin. Jiġuni f’moħħi l-ħabsin li, imċaħħda mil-libertà, qed iġarrbu ta’ kuljum, barra l-ħajja iebsa tal-priġunerija, il-vojt affettiv, ir-restrizzjonijiet imposti fuqhom u, mhux f’każ wieħed jew tnejn, in-nuqqas ta’ rispett. Nipproponi lill-Gvernijiet li fis-Sena tal-Ġublew jieħdu inizjattivi li jroddu lura t-tama; forom ta’ amnestija u ta’ tnaqqis fil-piena bl-għan li jgħinu lill-persuni jerġgħu jiksbu l-fiduċja fihom infushom u fis-soċjetà; mixjiet ta’ inseriment mill-ġdid fil-komunità li magħhom jikkorrispondi impenn konkret fl-osservanza tal-liġijiet.

Din hi sejħa antika, li ġejja mill-Kelma ta’ Alla u tibqa’ ħajja bil-valur kollu tal-għerf tagħha fl-invokazzjoni ta’ atti ta’ ħniena u ta’ ħelsien li jippermettu lill-persuna terġa’ tibda mill-ġdid: “Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa’ għal li kellu u għal ma’ niesu” (Lev 25:10). Dak li ġie stabbilit fil-Liġi ta’ Mosè jtennih il-profeta Iżaija: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Iż 61:1-2). Huma l-kelmiet li Ġesù għamel tiegħu fil-bidu tal-ministeru tiegħu, meta ddikjara li fih stess seħħet il-milja tas-“sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Lq 4:18-19). F’kull rokna tad-dinja, dawk li jemmnu, speċjalment ir-Ragħajja, ħa jsiru interpreti ta’ dawn it-talbiet, u jsawru leħen wieħed li jitlob bil-kuraġġ li jkun hemm kundizzjonijiet dinjitużi għal min hu priġunier, ir-rispett tad-drittijiet umani, u fuq kollox it-tneħħija tal-piena kapitali, provediment kuntrarju għall-fidi Nisranija u li jeqred kull tama ta’ maħfra u ta’ tiġdid.[6] Biex noffri lill-ħabsin sinjal konkret ta’ qrubija, jiena stess nixtieq niftaħ Bieb Imqaddes f’xi ħabs, biex ikun għalihom simbolu li jistedinhom iħarsu lejn il-ġejjieni b’tama u b’impenn imġedded fil-ħajja.

11. Sinjali ta’ tama għandhom jiġu offruti lill-morda, li jinsabu f’dar jew fi sptar. It-tbatijiet tagħhom jistgħu jsibu serħan fil-qrubija ta’ persuni li jżuruhom u fl-imħabba li jirċievu. L-opri tal-ħniena huma wkoll opri ta’ tama, li jqanqlu fil-qlub sentimenti ta’ gratitudni. U l-gratitudni tilħaq lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li, f’kundizzjonijiet kemm-il darba diffiċli, iħaddmu l-missjoni tagħhom b’għożża attenta għall-persuni morda u l-iżjed dgħajfa.

Ma tonqosx l-attenzjoni inklużiva għal dawk li, għax sabu ruħhom f’kundizzjonijiet ta’ ħajja partikularment ibsin, iduqu d-dgħufija tagħhom infushom, speċjalment jekk affettwati minn patoloġiji jew diżabbiltajiet li jillimitaw ħafna l-awtonomija personali. Il-kura li tingħatalhom hija innu lid-dinjità umana, għanja ta’ tama li titlob it-tisħib tas-soċjetà kollha.

12. Ta’ sinjali ta’ tama għandhom bżonn ukoll dawk li jirrappreżentawha fil-persuna tagħhom stess: iż-żgħażagħ. B’xorti ħażina, dawn spiss jaraw jiġġarraf quddiemhom il-ħolm tagħhom. Ma nistgħux niddeluduhom: fuq l-entużjażmu tagħhom hu msejjes il-ġejjieni. Sabiħ li narawhom mimlija enerġija, ngħidu aħna meta jxammru l-kmiem u jħabirku minn jeddhom fis-sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali u ta’ kriżijiet soċjali. Imma hu ta’ swied il-qalb tara żgħażagħ neqsin minn kull tama; wara kollox, meta l-futur hu inċert u bla ħolm, meta l-istudju ma joffrix possibbiltajiet u n-nuqqas ta’ xogħol jew ta’ okkupazzjoni stabbli biżżejjed jirriskjaw li jxejnu kull xewqa, huwa inevitabbli li l-preżent jingħax fil-malinkonija u fid-dwejjaq. L-illużjoni tad-drogi, ir-riskju tat-trasgressjoni u t-tiftix ta’ dak li jtir mar-riħ joħolqu fihom iktar milli f’oħrajn il-konfużjoni, u jaħbu l-ġmiel u s-sens tal-ħajja, biex jispiċċaw jiżolqu f’abbissi mudlama u jwassluhom għal ġesti li bihom jeqirdu lilhom infushom. Għalhekk ħa jkun il-Ġublew fil-Knisja okkażjoni ta’ qabża ’l quddiem għall-ġid tagħhom: b’passjoni mġedda ejjew nieħdu ħsieb tal-adolexxenti, tal-istudenti, tal-għarajjes, tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar! Qrubija lejn iż-żgħażagħ, ferħ u tama tal-Knisja u tad-dinja!

13. Ma jistgħux jonqsu sinjali ta’ tama għall-migranti, li jabbandunaw arthom biex ifittxu ħajja aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Jalla x-xewqat tagħhom ma jiġux fix-xejn minħabba preġudizzji u għeluq; l-akkoljenza, li tiftaħ beraħ id-dirgħajn għal kull persuna skont id-dinjità tagħha, timxi id f’id mar-responsabbiltà, biex ħadd ma jiġi mċaħħad mill-jedd li jibni futur aħjar. Lil tant eżiljati, fittiexa tal-ażil u rifuġjati, li l-ġrajjiet imqallba internazzjonali jobbligawhom jaħarbu biex jevitaw gwerer, vjolenzi u diskriminazzjonijiet, għandhom jiġu garantiti s-sigurtà u l-aċċess għax-xogħol u għall-edukazzjoni, għodod meħtieġa għall-inseriment tagħhom fil-kuntest soċjali ġdid.

Ħa tkun dejjem il-komunità Nisranija lesta biex tiddefendi d-dritt tal-iżjed dgħajfa. Ħa tiftaħ beraħ b’ġenerożità l-bibien tal-akkoljenza, biex lil ħadd qatt ma tonqsu t-tama ta’ ħajja aħjar. Ħa tidwi fil-qlub il-Kelma tal-Mulej li, fil-parabbola kbira tal-Ġudizzju Finali, qal: “Kont barrani u lqajtuni”, għax “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35,40).

14. Sinjali ta’ tama jixirqilhom l-anzjani, li spiss jgħaddu minn solitudni u sens ta’ abbandun. Li nivvalorizzaw it-teżor li huma, l-esperjenza tagħhom tal-ħajja, l-għerf li huma jġorru u l-kontribut li kapaċi joffru, dan hu impenn għall-komunità Nisranija u għas-soċjetà ċivili, imsejħin biex jaħdmu flimkien għall-patt bejn il-ġenerazzjonijiet.

Ħsieb partikulari jmur għan-nanniet, li jirrappreżentaw it-trasmissjoni tal-fidi u tal-għerf tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet iżgħar. Ħa jkunu mwieżna mill-gratitudni tal-ulied u mill-imħabba tan-neputijiet, li jsibu fihom fejn iniżżlu l-għeruq, kif ukoll il-komprensjoni u l-inkuraġġiment.

15. Tama nitlob b’ħerqa għall-biljuni ta’ foqra, li spiss ma għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu. Quddiem ir-ripetizzjoni ta’ mewġiet dejjem ġodda ta’ faqar, hemm ir-riskju li jidraw u jirrassenjaw ruħhom. Imma ma nistgħux inwarrbu ħarsitna minn fuq sitwazzjonijiet tant drammatiċi, li issa qed narawhom kullimkien, mhux biss f’reġjuni partikulari tad-dinja. Ta’ kuljum niltaqgħu ma’ persuni foqra jew li ftaqru, u xi darba jistgħu jkunu ġirien tagħna. Spiss ma jkollhomx fejn jgħixu, lanqas l-ikel xieraq għal ġurnata. Ibatu mill-esklużjoni u l-indifferenza ta’ ħafna. Hu skandaluż li, f’dinja mogħnija b’riżorsi enormi, iddestinati f’parti kbira għall-armamenti, il-foqra huma “l-parti l-kbira […], biljuni ta’ persuni. Illum jissemmew fid-dibattiti politiċi u ekonomiċi internazzjonali, imma mill-bqija jidher li l-problemi tagħhom qishom bħal appendiċi, qisha xi kwistjoni li donnok ikollok iżżidha kważi b’obbligu fit-tarf nett, jekk ma jqisuhiex ukoll bħala sempliċi ħsara kollaterali. Fil-fatt, meta mbagħad wieħed jiġi biex iwettaq b’mod konkret, dawn spiss jibqgħu fl-aħħar post fuq il-lista”.[7] Ma ninsewx: il-foqra, kważi dejjem, huma l-vittmi, mhux il-ħatja.

Sejħat għat-tama

16. F’eku tal-kelma antika tal-profeti, il-Ġublew ifakkar li l-ġid tal-Art mhux maħsub għal ftit ipprivileġġjati, imma għal kulħadd. Hemm bżonn li dawk kollha li għandhom il-ġid ikunu ġenerużi, u jagħrfu l-wiċċ tal-aħwa fil-bżonn. Qed naħseb b’mod partikulari f’dawk li huma neqsin mill-ilma u mill-ikel: il-ġuħ hu pjaga skandaluża fil-ġisem tal-umanità tagħna u jistieden lil kulħadd għal theżżiża tal-kuxjenza. Inġedded is-sejħa tiegħi biex “bil-flus li jintefqu fl-armi u fi spejjeż oħra militari […] nwaqqfu Fond dinji biex neqirdu darba għal dejjem il-ġuħ u għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-iżjed foqra, biex hekk min jgħix fihom ma jkollux għax idur għal soluzzjonijiet vjolenti jew qarrieqa u ma jiġix imġiegħel jitlaq pajjiżu biex ifittex ħajja iżjed dinjituża”.[8]

Stedina oħra ħerqana nixtieq nagħmel fid-dawl tas-Sena Ġubilari: lin-Nazzjonijiet li qed jgħumu l-aktar fil-ġid, biex jagħrfu s-serjetà ta’ tant deċiżjonijiet meħuda u jistabbilixxu li jinħafru d-djun lill-pajjiżi li qatt ma jistgħu jħallsuhom lura. Qabel ma hi ta’ ġenerożità, din hi kwistjoni ta’ ġustizzja, illum mgħarrqa iktar minn għamla ġdida ta’ diżugwaljanza li biha qed nintebħu: “Fil-fatt tabilħaqq jeżisti ‘dejn ekoloġiku’, fuq kollox bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, marbut ma’ żbilanċi kummerċjali b’konsegwenzi fil-qasam ekoloġiku, kif ukoll mal-użu sproporzjonat tar-riżorsi naturali storikament imwettaq minn xi pajjiżi”.[9] Kif tgħallimna l-Iskrittura Mqaddsa, l-art hi ta’ Alla u aħna lkoll ngħixu fiha bħal “frustieri jew mistiedna” (Lev 25:23). Jekk tassew irridu nħejju fid-dinja t-triq tal-paċi, ħa nħabirku biex nagħmlu tajjeb għall-kawżi remoti tal-inġustizzji, insewwu d-djun tad-diżugwaljanza u li ma jistgħux jissolvew, nitimgħu lil min hu bil-ġuħ.

17. Matul il-Ġublew li jmiss se sseħħ rikorrenza sinifikattiva ħafna għall-Insara kollha. Fil-fatt, se jaħbtu l-1700 sena miċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel Konċilju kbir Ekumeniku, dak ta’ Nicea. Tajjeb infakkru li, sa miż-żminijiet appostoliċi, ir-Ragħajja nġabru f’diversi okkażjonijiet f’assemblej bl-iskop li jittrattaw tematiċi duttrinali u kwistjonijiet dixxiplinari. Fl-ewwel sekli tal-fidi s-Sinodi kotru kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent Nisrani, u wrew kemm kien importanti li jitħarsu l-għaqda tal-Poplu ta’ Alla u t-tħabbira fidila tal-Vanġelu. Is-Sena Ġubilari tista’ tkun opportunità importanti biex nagħtu konkretezza lil din l-għamla sinodali, li l-komunità Nisranija llum taraha bħala espressjoni dejjem iżjed meħtieġa biex nikkorrispondu aħjar għall-urġenza tal-evanġelizzazzjoni: l-imgħammdin kollha, kull wieħed u waħda bil-kariżma u l-ministeru tiegħu jew tagħha, korresponsabbli biex il-kotra ta’ sinjali ta’ tama jagħtu xhieda tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja.

Il-Konċilju ta’ Nicea kellu l-ħidma li jippreserva l-għaqda, serjament mhedda miċ-ċaħda tad-divinità ta’ Ġesù Kristu u tal-ugwaljanza tiegħu mal-Missier. Kienu preżenti madwar tliet mitt Isqof, li nġabru fil-palazz imperjali wara sejħa tal-Imperatur Kostantinu fl-20 ta’ Mejju 325. Wara diversi ġemgħat, ilkoll, bil-grazzja tal-Ispirtu, irrikonoxxew is-Simbolu tal-fidi li sal-lum nistqarru fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-Ħadd. Il-Padri Konċiljari riedu jibdew dak is-Simbolu billi jinqdew għall-ewwel darba bl-espressjoni: “Aħna nemmnu”,[10] bħala xhieda li f’dak l-“Aħna” l-Knejjes kollha kienu f’komunjoni ma’ xulxin, u l-Insara kollha jistqarru l-istess fidi waħda.

Il-Konċilju ta’ Nicea kien pass fundamentali fl-istorja tal-Knisja. L-anniversarju tar-rikorrenza tiegħu jistieden lill-Insara kollha biex jingħaqdu fil-ġieħ u r-radd ta’ ħajr lit-Trinità Qaddisa u b’mod partikulari lil Ġesù Kristu, Bin Alla, “natura waħda mal-Missier”,[11] li wriena dan il-misteru ta’ mħabba. Imma Nicea tirrappreżenta wkoll stedina lill-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali kollha biex jissoktaw mexjin flimkien lejn l-għaqda li tidher, biex ma jehdewx ifittxu forom adegwati biex jikkorrispondu b’mod sħiħ mat-talba ta’ Ġesù: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).

Fil-Konċilju ta’ Nicea ddiskutew ukoll id-data tal-Għid. F’dan ir-rigward, sal-lum għad hemm pożizzjonijiet differenti, li qed iżommuna milli niċċelebraw fl-istess jum il-ġrajja li fuqha hi msejsa l-fidi tagħna. Providenzjalment, dan se jseħħ sewwasew fis-Sena 2025. Din tista’ tkun sejħa għall-Insara kollha tal-Lvant u tal-Punent biex imiddu pass deċiżiv lejn l-għaqda madwar data komuni għall-Għid. Ħafna, tajjeb infakkru, ma għadhomx konxji mid-dibattiti tal-imgħoddi u ma jifhmux kif għadhom jistgħu jeżistu firdiet bħal dawn.

Ankrati fit-tama

18. It-tama, flimkien mal-fidi u l-imħabba, issawwar it-trittiku tal-“virtujiet teologali”, li jesprimu l-essenza tal-ħajja Nisranija (ara 1 Kor 13:13; 1 Tess 1:3). Fid-dinamiżmu inseparabbli tagħhom, it-tama hi dik li, biex ngħidu hekk, tagħti l-orjentament, tindika d-direzzjoni u l-finalità tal-ħajja ta’ min jemmen. Għalhekk l-Appostlu Pawlu jistedinna: “Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien” (Rum 12:12). Iva, għandna bżonn “nimtlew bit-tama” (ara Rum 15:13) biex nagħtu xhieda kredibbli u attraenti tal-fidi u l-imħabba li nġorru f’qalbna; biex il-fidi tkun hienja, l-imħabba mħeġġa; biex kull persuna tkun tista’ tagħti mqar tbissima, ġest ta’ ħbiberija, ħarsa fraterna, widna sinċiera, servizz b’xejn, għax taf li, fl-Ispirtu ta’ Ġesù, dan jista’ jsir għal min jirċevih żerriegħa għammiela ta’ tama. Imma liema hu l-pedament tat-tama tagħna? Biex nifhmuh tajjeb, nieqfu fuq ir-raġunijiet tat-tama tagħna (ara 1 Piet 3:15).

19. “Nemmen fil-ħajja ta’ dejjem”:[12] hekk tistqarr il-fidi tagħna, u t-tama Nisranija ssib f’dawn il-kelmiet fus fundamentali. Fil-fatt, hija “dik il-virtù teologali li biha nixtiequ bħala ġid tagħna […] l-ħajja ta’ dejjem”.[13] Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II jistqarr: “Jekk jonqos il-pedament ta’ Alla u t-tama tal-ħajja ta’ dejjem, id-dinjità tal-bniedem tonqos ħafna, kif spiss illum jiġri, u l-enigma tal-ħajja u tal-mewt, tal-ħtija u tal-indiema, jibqgħu bla tweġiba, u għalhekk mhux ftit drabi l-bnedmin jaqgħu fid-disperazzjoni”.[14] Imma aħna, grazzi għat-tama li fiha ġejna mifdija, meta nħarsu lejn iż-żmien li għaddej, għandna ċ-ċertezza li l-istorja tal-umanità u dik ta’ kull wieħed u waħda minna mhumiex qed jiġru lejn sqaq li ma jwassal għal imkien jew abbiss mudlam, imma huma orjentati lejn il-laqgħa mal-Mulej tal-glorja. Ejjew mela ngħixu fl-istennija tal-miġja tiegħu u fit-tama li ngħixu għal dejjem fih: huwa b’dan l-ispirtu li nagħmlu tagħna l-invokazzjoni mqanqla tal-ewwel Insara, li biha tagħlaq l-Iskrittura Mqaddsa: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22:20).

20. Ġesù li miet u rxoxta hu l-qalba tal-fidi tagħna. San Pawl, meta jlissen dan il-kontenut fi ftit kliem, billi jinqeda b’erba’ verbi, jgħaddilna n-“nukleu” tat-tama tagħna: “Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15:3-5). Kristu miet, difnuh, qam mill-mewt, deher. Għalina għadda mit-traġedja tal-mewt. L-imħabba tal-Missier qajmitu bil-qawwa tal-Ispirtu, u għamlet mill-umanità tiegħu l-ewwel ħsad tal-eternità għas-salvazzjoni tagħna. It-tama Nisranija tikkonsisti proprju f’dan: quddiem il-mewt, fejn kollox jidher spiċċa, għandna ċ-ċertezza li, grazzi għal Kristu, għall-grazzja tiegħu li tgħaddiet lilna fil-Magħmudija, “il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel”,[15] għal dejjem. Fil-fatt, fil-Magħmudija, midfuna ma’ Kristu, fih imqajjem mill-mewt nirċievu d-don ta’ ħajja ġdida, li ġġarraf il-ħajt tal-mewt, u tagħmel minnha passaġġ lejn l-eternità.

U jekk quddiem il-mewt, firda li tnikkitna u ġġagħalna nħallu warajna l-aktar ħwejjeġ li nħobbu u għeżież għalina, ebda kliem rettoriku ma hu permess, il-Ġublew joffrilna l-opportunità li niskopru mill-ġdid, bi gratitudni immensa, id-don ta’ dik il-ħajja ġdida li rċivejna fil-Magħmudija u li kapaċi tittrasfigura t-traġedja tagħha. Fil-kuntest ġubilari, hu sinifikattiv li naħsbu mill-ġdid kif dan il-misteru ġie mifhum sa mill-ewwel sekli tal-fidi. Għal żmien twil, ngħidu aħna, l-Insara bnew il-Fonti tal-Magħmudija f’għamla ottagonali, u sal-lum għadna nistgħu nammiraw ħafna battisteri antiki li għadhom b’din l-għamla, kif hawn Ruma f’San Ġwann Lateran. Dan jindika li fil-Fonti tal-Magħmudija jitnieda t-tmien jum, jiġifieri dak tal-qawmien, il-jum li jmur lil hemm mir-ritmu tas-soltu, immarkat minn tmiem kull ġimgħa, u hekk jiftaħ iċ-ċiklu taż-żmien għad-dimensjoni tal-eternità, għall-ħajja li tibqa’ għal dejjem: din hi d-destinazzjoni li lejha mexjin fil-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art (ara Rum 6:22).

Ix-xhieda l-aktar konvinċenti ta’ din it-tama hi offruta lilna mill-martri, li, sħaħ fil-fidi tagħhom fi Kristu Rxoxt, għarfu jiċħdu l-istess ħajja ta’ hawn isfel biex ma jittradux lill-Mulej tagħhom. Huma preżenti fl-epoki kollha u huma kbar fil-għadd, forsi iktar minn qatt qabel, fi żminijietna, konfessuri tal-ħajja li ma tafx tmiem. Għandna bżonn inħarsu x-xhieda tagħhom biex it-tama tagħna tħalli l-frott.

Dawn il-martri, ġejjin mid-diversi tradizzjonijiet Insara, huma wkoll żerriegħa ta’ għaqda għax jesprimu l-ekumeniżmu tad-demm. Għalhekk, matul il-Ġublew, hi xewqa ħajja tiegħi li ma tonqosx ċelebrazzjoni ekumenika li tagħmel evidenti l-għana tax-xhieda ta’ dawn il-martri.

21. Allura x’se jsir minna wara l-mewt? Ma’ Ġesù, lil hinn minn din l-għatba, hemm il-ħajja eterna, li tikkonsisti fil-komunjoni sħiħa ma’ Alla, fil-kontemplazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-imħabba tiegħu bla tarf. Dak li bħalissa qed ngħixu fit-tama, imbagħad għad narawh fir-realtà. Santu Wistin dwar dan kiteb: “Meta ningħaqad miegħek kollni kemm jien, qatt iżjed ma jkolli taħbit u niket, u ħajti tkun ħajja kollha mimlija bik”.[16] Mela x’inhu li jikkaratterizza din il-milja tal-komunjoni? Li nkunu hienja. L-hena hu l-vokazzjoni tal-bniedem, destinazzjoni għal kulħadd.

Imma x’inhu l-hena? Liema hena nistennew u nixtiequ? Mhux xi allegrija li tgħaddi, sodisfazzjon tal-mument li, ladarba nilħquh, jitlob mill-ġdid u dejjem iżjed, f’garigor ta’ kilba fejn ir-ruħ tal-bniedem qatt ma hi sodisfatta, anzi dejjem iżjed battala. Għandna bżonn ta’ hena li jseħħ darba għal dejjem f’dak li bih nilħqu l-milja tagħna, jew aħjar fl-imħabba, biex hekk nistgħu ngħidu, diġà minn issa: “Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:38-39).

22. Realtà oħra marbuta mal-ħajja ta’ dejjem hi l-ġudizzju ta’ Alla, kemm fi tmiem il-ħajja tagħna u kemm fl-aħħar taż-żminijiet. L-arti spiss fittxet li tirrappreżentah – biżżejjed naħsbu fil-kapulavur ta’ Michelangelo fil-Cappella Sistina – billi laqgħet il-kunċett teoloġiku taż-żmien u għaddiet f’min josservaha sens ta’ biża’. Jekk nagħmlu sew niddisponu ruħna b’għarfien u serjetà mill-akbar għall-mument li fl-aħħar jiġbor il-ħajja kollha tagħna, fl-istess waqt hemm bżonn li dan nagħmluh dejjem fid-dimensjoni tat-tama, virtù teologali li twieżen il-ħajja u ma tħalliniex naqgħu fil-biża’. Il-ġudizzju ta’ Alla, li hu mħabba (ara 1 Ġw 4:8,16), ma jistax ħlief jissejjes fuq l-imħabba, b’mod speċjali fuq kemm inkunu jew ma nkunux ħaddimnieha ma’ dawk l-iktar fil-bżonn, li fihom Kristu, l-Imħallef innifsu, hu preżenti (ara Mt 25:31-46). Dan allura hu ġudizzju differenti minn dak tal-bnedmin u tal-qrati ta’ din l-art; irridu nifhmuh bħala relazzjoni ta’ verità ma’ Alla-mħabba u magħna nfusna fi ħdan il-misteru tal-ħniena divina li ma nistgħux nifhmuh għalkollox. L-Iskrittura Mqaddsa dwar dan tistqarr hekk: “B’dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek, li l-ġust għandu jkun twajjeb. Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek, li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom […] u, meta niġu ġġudikati, nistennew il-ħniena” (Għerf 12:19,22). Kif kiteb Benedittu XVI, “fil-mument tal-Ġudizzju nħossu u niġbru r-rebħa ta’ mħabbtu fuq il-ħażen kollu tad-dinja u tagħna. In-niket tal-imħabba jsir is-salvazzjoni u l-ferħ tagħna”.[17]

Għalhekk, il-Ġudizzju jolqot is-salvazzjoni li fiha nittamaw u li Ġesù kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Huwa, għalhekk, maħsub biex jiftaħ il-bieb għal-laqgħa defenittiva miegħu. U billi f’dan il-kuntest ma nistgħux naħsbu li l-ħażen li sar se jibqa’ moħbi, dan għandu bżonn jiġi msoffi, biex nistgħu ngħaddu darba għal dejjem fi ħdan l-imħabba ta’ Alla. F’dan is-sens aħna nifhmu l-ħtieġa li nitolbu għal dawk li għalqu l-mixja tagħhom fuq din l-art, solidarjetà fl-interċessjoni bit-talb li tiskopri mill-ġdid il-qawwa tagħha fil-komunjoni tal-qaddisin, fir-rabta komuni li tgħaqqadna fi Kristu, l-ewwel wild tal-ħolqien. Hekk l-indulġenza ġubilari, bil-qawwa tat-talb, hi maħsuba b’mod partikulari għal dawk li ġew qabilna, biex jistgħu jiksbu ħniena sħiħa.

23. Fil-fatt, l-indulġenza tippermettilna niskopru kemm hi bla tarf il-ħniena ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li fil-qedem it-termini “ħniena” u “indulġenza” kienu jfissru l-istess, proprju għax din trid tesprimi l-milja tal-maħfra ta’ Alla li ma tafx b’limiti.

Is-Sagrament tal-Penitenza jiżgurana li Alla jneħħi d-dnubiet tagħna. Jerġgħu lura bil-qawwa tagħhom li tfarraġ il-kelmiet tas-Salm: “Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. […] Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. […] Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna. Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art, hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu; daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna” (Salm 103:3-4,8,10-12). Ir-Rikonċiljazzjoni sagramentali mhijiex biss opportunità spiritwali sabiħa, imma tirrappreżenta pass deċiżiv, essenzjali u fundamentali għall-mixja tal-fidi ta’ kull wieħed u waħda. Hemm inħallu lill-Mulej jeqred id-dnubiet tagħna, ifejqilna qalbna, jerfagħna mill-ġdid u jħaddanna miegħu, jurina l-wiċċ tiegħu ħelu u kollu mogħdrija. Fil-fatt ma hemmx mod aħjar biex insiru nafu lil Alla milli nħalluh iħabbibna miegħu mill-ġdid (ara 2 Kor 5:20), ħa nduqu l-maħfra tiegħu. Ejjew mela ma nibqgħux lura milli nersqu għall-Qrar, imma niskopru wkoll mill-ġdid il-ġmiel tas-sagrament tal-fejqan u tal-ferħ, il-ġmiel tal-maħfra tad-dnubiet!

Madankollu, kif nafu mill-esperjenza personali, id-dnub “iħalli l-marka”, iġorr miegħu l-konsegwenzi tiegħu: mhux biss li jidhru minn barra, bħala konsegwenzi tal-ħażen imwettaq, imma anki fuq ġewwa, billi “kull dnub, ukoll dnub venjali, iġib miegħu rabta ħażina mal-ħlejjaq, u minn din ir-rabta wieħed irid jitfejjaq jew f’din id-dinja, jew wara l-mewt fi stat li nsejħulu l-Purgatorju”.[18] Għalhekk, fl-umanità dgħajfa tagħna miġbuda lejn il-ħażen, jibqgħu “fdalijiet tad-dnub”. Dawn jitneħħew bl-indulġenza, dejjem bi grazzja ta’ Kristu, li, kif kiteb San Pawlu VI, hu “l-‘indulġenza’ tagħna”.[19] Il-Penitenzerija Appostolika se tara li toħroġ id-dispożizzjonijiet biex jista’ jinkiseb u jkun effettiv it-tħaddim tal-Indulġenza Ġubilari.

Din l-esperjenza mimlija maħfra ma tistax għajr tiftaħ il-qalb u l-moħħ għall-maħfra. Meta naħfru, ma nkunux nibdlu l-passat, ma nistgħux nibdlu dak li diġà seħħ; u madankollu, il-maħfra tista’ tippermetti li nibdlu l-futur u li ngħixu b’mod differenti, bla rabja, korla u vendetta. Il-futur imdawwal mill-maħfra jagħtina li naqraw il-passat b’għajnejn differenti, iktar sereni, imqar jekk imħaffra bid-dmugħ.

Fil-Ġublew Straordinarju li għadda waqqaft il-Missjunarji tal-Ħniena, li għadhom qed iwettqu missjoni importanti. Jistgħu anki matul il-Ġublew li ġej iħaddmu l-ministeru tagħhom, iroddu t-tama u jagħtu l-maħfra kull darba li midneb jersaq għandhom b’qalb miftuħa u ruħ sogħbiena. Ħa jkomplu jkunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u jgħinu biex inħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama tal-qalb li ġejja mill-ħniena tal-Missier. Nawgura li l-Isqfijiet jistgħu jinqdew bis-servizz prezzjuż tagħhom, speċjalment billi jibagħtuhom hemm fejn it-tama hi mġarrba qatigħ, bħal fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fl-imkejjen li fihom id-dinjità tal-persuna hi mkasbra, fil-qagħdiet l-aktar foqra u fil-kuntesti l-aktar degradanti, biex ħadd ma jisfa mċaħħad mill-possibbiltà li jirċievi l-maħfra u l-faraġ ta’ Alla.

24. It-tama ssib fl-Omm ta’ Alla l-ogħla xhud tagħha. Fiha naraw kif it-tama mhix ottimiżmu battal, imma don ta’ grazzja fir-realiżmu tal-ħajja. Bħal kull omm, kull darba li kienet tħares lejn Binha kienet taħseb fil-futur tiegħu, u ċertament fil-qalb tagħha baqgħu mnaqqxa dawk il-kelmiet li Xmun kien lissnilha fit-Tempju: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:34-35). U f’riġlejn is-salib, waqt li qed tilmaħ lil Ġesù innoċenti jbati u jmut, imqar jekk minfuda minn niket agonizzanti, ittenni l-“iva” tagħha, bla ma titlef it-tama u l-fiduċja fil-Mulej. Hekk hi għalina kkoperat fil-milja ta’ dak li Binha kien qal, meta ħabbar li kellu “jbati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum” (Mk 8:31), u fl-uġigħ ta’ dik it-tbatija offruta bi mħabba hi saret Omm tagħna, Omm it-tama. Mhux ta’ b’xejn li l-pjetà popolari tissokta ssejjaħ lill-Verġni Mqaddsa bħala Stella maris, titlu li jesprimi t-tama ċerta li fil-ġrajjiet imqallba tal-ħajja l-Omm ta’ Alla taqbeż għalina biex tgħinna, tweżinna u tistedinna nafdaw u nkomplu nittamaw.

F’dan ir-rigward, nieħu pjaċir infakkar li s-Santwarju ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, fil-Belt tal-Messiku, qed iħejji ruħu biex jiċċelebra, fl-2031, il-500 sena mill-ewwel dehra tal-Verġni Mbierka. Permezz taż-żagħżugħ Juan Diego, l-Omm ta’ Alla wasslet messaġġ rivoluzzjonarju ta’ tama li llum ukoll ittenni lill-pellegrini u l-fidili kollha: “Forsi m’iniex hawn ħdejk jien, l-omm tiegħek?”.[20] Messaġġ simili jidħol fil-qlub f’tant Santwarji Marjani mxerrda mad-dinja, destinazzjonijiet ta’ għadd bla tarf ta’ pellegrini, li jafdaw f’idejn l-Omm ta’ Alla t-tħassib, in-niket u x-xewqat tagħhom. F’din is-Sena Ġubilari, ħa jkunu s-Santwarji mkejjen imqaddsa ta’ akkoljenza u spazji pprivileġġjati li jnisslu t-tama. Nistieden lill-pellegrini li ġejjin Ruma, biex jagħmlu waqfa ta’ talb fis-Santwarji Marjani tal-belt ħalli jqimu lill-Verġni Marija u jitolbu l-ħarsien tagħha. Jiena fiduċjuż li lkoll, speċjalment dawk li qed ibatu u huma mġarrba, jistgħu jduqu l-qrubija tal-aktar omm li taf tħobb, li qatt ma titlaq waħidhom lil uliedha, hi li għall-Poplu qaddis ta’ Alla hi “sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ”.[21]

25. Aħna u nimxu lejn il-Ġublew, ejjew nerġgħu lura għall-Iskrittura Mqaddsa u nisimgħu jitlissnu lilna dawn il-kelmiet: “Aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu ’l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù għalina” (Lhud 6:18-20). Hija stedina qawwija biex ma nitilfu qatt it-tama li ngħatatilna, u nrossuha ma’ qalbna biex hekk insibu kenn f’Alla.

Ix-xbieha tal-ankra hi suġġestiva biex nifhmu l-istabbiltà u s-sigurtà li, qalb l-ilmijiet imċaqilqa tal-ħajja, jista’ jkollna jekk nafdaw fil-Mulej Ġesù. It-tempesti ma jistgħu qatt jegħlbuna, għax aħna ankrati fit-tama tal-grazzja, li kapaċi tagħtina l-ħajja fi Kristu waqt li negħlbu d-dnub, il-biża’ u l-mewt. Din it-tama, bil-wisq akbar mis-sodisfazzjonijiet ta’ kull ġurnata u mit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja, teħodna lil hemm mill-provi u ssejħilna biex nimxu mingħajr ma nitilfu minn quddiem għajnejna l-kobor tad-destinazzjoni li għaliha aħna msejħin, il-Ġenna.

Għalhekk, il-Ġublew li jmiss se jkun Sena Mqaddsa kkaratterizzata mit-tama li ma tgħib qatt, dik f’Alla. Ħa tgħinna wkoll insibu mill-ġdid il-fiduċja meħtieġa, fil-Knisja kif ukoll fis-soċjetà, fir-relazzjonijiet bejn xulxin, fir-relazzjonijiet internazzjonali, fil-promozzjoni tad-dinjità ta’ kull persuna, u fir-rispett lejn il-ħolqien. Ix-xhieda ta’ min jemmen tista’ tkun fid-dinja ħmira li ttella’ l-għaġna ta’ tama ġenwina, tħabbira ta’ smewwiet ġodda u art ġdida (ara 2 Piet 3:13), fejn ngħammru fil-ġustizzja u fl-armonija bejn il-popli, aħna u nistennew il-milja tal-wegħda tal-Mulej.

Inħallu minn issa t-tama tiġbidna lejha u, permezz tagħna, iddakkar lil dawk kollha li jixtequha. Ħa nkunu nistgħu ngħidulhom bil-ħajja tagħna: “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej” (Salm 27:14). Ħa timla l-qawwa tat-tama l-preżent tagħna, fl-istennija fiduċjuża tal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li lilu kull ġieħ u glorja issa u għal dejjem ta’ dejjem.

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, fid-9 ta’ Mejju, Solennità tat-Tlugħ ta’ Sidna Ġesù Kristu fis-Sema, tas-Sena 2024, it-tnax-il waħda tal-Pontifikat.

FRANĠISKU

 

 


[1] Wistin, Diskorsi, 198 augm., 2.

[2] Ara Fonti Francescane, n. 263,6.10.

[3] Ara Franġisku, Misericordiæ vultus, Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, 11 ta’ April 2015, nn. 1-3.

[4] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, 7 ta’ Diċembru 1965, n. 4.

[5] Franġisku, Ittra Enċiklika Laudato si’ fuq l-għożża tad-dar komuni, 24 ta’ Mejju 2015, n. 50.

[6] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2267.

[7] Franġisku, Laudato si’, cit., n. 49.

[8] Franġisku, Ittra Enċiklika Fratelli tutti fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, 3 ta’ Ottubru 2020, n. 262.

[9] Franġisku, Laudato si’, cit., n. 51.

[10] Simbolu Niċen: H. Denzinger – A. Schönmetzer, Enchiridion Symbolorum definitionum et declarationum de rebus fidei et morum, n. 125.

[11] Ibid.

[12] Simbolu tal-Appostli: H. Denzinger – A. Schönmetzer, Enchiridion Symbolorum definitionum et declarationum de rebus fidei et morum, n. 30.

[13] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1817.

[14] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Gaudium et spes, cit., n. 21.

[15] Missal Ruman, Prefazju tal-mejtin I.

[16] Wistin, L-Istqarrijiet, X, 28.

[17] Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Spe salvi, 30 ta’ Novembru 2007, n. 47.

[18] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1472.

[19] Pawlu VI, Ittra Appostolika Apostolorum limina, 23 ta’ Mejju 1974, II.

[20] Nican Mopohua, n. 119.

[21] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium fuq il-Knisja, 21 ta’ Novembru 1964, n. 68.

 



Copyright © Dicastero per la Comunicazione - Libreria Editrice Vaticana